|
|
|||
|
|||
| |
Kull min jinzerta f'Għawdex għal jiem tal-Milied m'għandux jitlef l-okkażjoni u jara għadd ta' presepji artistiċi mħejjija b'ħafna ħeġġa minn grupp ta' dilettanti Għawdxin. Il-presepju li Victor jibni fil-garaxx tad-dar tiegħu fix-Xagħra huwa attrazzjoni għal ħafna. Għal dan il-Milied, iltqajna ma' Victor u tkellimna miegħu dwar dak li jagħmel il-presepju tant speċjali għalih. Min hu Victor? Victor Agius għandu 20 sena. Student ta' l-Arti u l-Edukazzjoni Fiżika fl-Universita' ta' Malta u anke goalkeeper ma' tim tal-futbol Għawdxi. Minkejja l-hin li jitolbu l-iskola u l-futbol, Victor jiddedika ħafna energija matul is-sena għall-presepju. Presepju kbir u mekkanizzat jitlob xhur ta' tħejjija u ħidma. Mhux ta' b'xejn li fl-eqqel tas-sajf, waqt li ħafna jkunu taħt xi umbrella ħdejn il-baħar, Victor ikun qed jipprepara l-għelieqi ta' Betlem. Victor huwa membru attiv fl-Għaqda Ħbieb tal-Presepju (Għawdex-Malta) u anke jagħti lezzjonijiet lil dawk li jixtiequ jirfinaw il-presepji tagħhom. Fix-xhur li għaddew Victor indirizza wkoll seminar dwar l-ikonografija tal-presepji fl-Arti u kkritika mal-200 biċċa arti li turi kif artisti kbar immaġinaw u pittru x-xena tan-nattivita'. Xahrejn ilu Victor kien anke f'Bergamo l-Italja fejn attenda għall-Kungress Internazzjonali tal-Presepji. Hemm iltaqa' ma' dilettanti kbar minn madwar id-dinja kollha, tkellem ma' esperti tal-presepji u qasam l-ideat tiegħu ma' nies minn madwar id-dinja kollha. L-Ewwel Presepji Victor għex ħajtu kollha fix-Xagħra, fejn it-tradizzjoni tal-presepji tal-Milied hi b'saħhitha ħafna. "Ta' tifel li kont, kont immur kull fejn kienu jibnu presepju - kemm il-Knisja, dak ta' l-abbatini u anke tal-Mużew. Kont nitpaxxa b'dak kollu li jkun hemm fil-presepju. U tant kont nintilef li darba saħansitra qafluni fil-presepju għax ħasbu li kulħadd kien ħareġ!" Meta kien fit-tieni sena ta' l-iskola primarja kien bena presepju żghir fil-kamra ta' l-ikel tad-dar tiegħu. Hekk baqa' jagħmel sa ma wasal fi-sitt sena ta' l-iskola primarja u l-presepju tiegħu rebaħ l-ewwel premju f'kompetizzjoni tal-Parroċċa. "Imbagħad għaddejt mill-eżamijiet tal-Junior Lyceum u bħala treat, missieri kien tani l-permess nibda nagħmel il-presepju fil-garaxx tad-dar u b'hekk jinfetaħ għall-pubbliku!" Dak kien fl-1993. Ir-rispons tan-nies mela lil Victor b'ħafna kuraġġ u ħeġġa biex ikompli jkabbar il-presepju sena wara oħra. "Dak inhar kien presepju statiku għajr għall-ilma ġieri u l-ħmara tas-sienja. Minn dejjem xtaqt ikolli presepju mekkanizzat u kull sena bdejt inżid xi movimenti." Illum, għaxar snin wara, il-presepju ta' Victor għandu mill-anqas 22 pastur jiċċaqlaq. Il-Pasturi Il-pasturi mekkaniċi huma magħmula mill-injam, waqt li l-partijiet li jidhru, bħall-wiċċ u l-idejn, huma tal-ġibs u l-kartapesta. Dettalji X'hin tara l-presepju ta' Victor, mill-ewwel tiskanta bid-dettalji li fih. "Nagħti ħafna importanza lid-dettalji," qalilna Victor. "Tant li qabel nagħmel kwalunkwe sketch, inqalleb f'kotba ta' l-Arti Sagra, f'kotba dwar il-Lvant Nofsani u anke infittex f'websites dwar l-istorja tal-Lhud bit-tradizzjonijiet tagħhom." Biżżejjed ngħidu li d-distanza bejn Betlem u Ġerusalemm u d-deżert tal-Ġudea hi kollha maħduma b'mod proporzjonali. "Meta żort l-Art Imqaddsa ftit tas-snin ilu, ħadt ħsieb li nieħu kull ma nista' biex nagħmel il-presepju tiegħi aktar qrib ta' dik li kienet ir-realta'. Studjajt il-mod kif kienu jinbnew id-djar fi żmien Kristu, il-bini li hemm fil-belt ta' Ġerusalemm, il-kondizzjonijiet fid-deżert, it-tip ta' flora jew fawna li wieħed isib f'dawn iż-żoni u l-lifestyle tan-nies." Dettall ieħor li wieħed jinnota hija l-qagħda tal-Madonna, dritt wara ma twelled lil Ġesu'. "Ħafna jpittru lil Marija bħala mara b'saħħitha anke wara l-mument tal-wild. Imma, fir-realta', wisq probabbli, kienet għadha mixħuta ma' l-art bi ftit li xejn saħħa." L-għar ta' Betlem, fih innifsu, huwa ġabra sħiħa ta' dettalji fini, bħall-ħrieqi tat-tarbija mdendla f'rokna, ħamiem jittajjar f'gaġġa, xi għodda li wieħed jista jsib f'għar bħal dan u ħafna aktar. Victor anke inkluda ċ-ċpar li jikkaratterizza din iż-żona fil-perjodi xitwin. L-Istorja L-istorja tkompli u naraw lil Ġużeppi u Marija jfittxu post biex fih titwieled it-tarbija. Madankollu, kif kitbu l-Evanġelisti, post għal Marija ma kienx hemm u spiċċaw fl-għar ċkejken. "Anke l-għar huwa tipiku tal-post," stqarr Victor. "Min iżur l-Art Imqaddsa jintebaħ li ħafna għerien huma mibdula fi stalla, kif ippruvajt nibni f'dan il-presepju." Wieħed jista' jinnota wkoll is-suldati jiġbru ċ-ċensiment, ir-ragħajja skantati waqt li jidhrilhom l-anġlu, lill-bidwi jagħżaq, lill-ħmara tas-sienja ddur dawramejt, lill-ħabbâr idoqq il-qarn u lil pastur ieħor itella' l-ilma minn ġol-bir. Il-ġrajja tintemm b'episodju ieħor ta' interess - fejn il-Maġi ma jaslux fl-għar ta' Betlem pero' jaslu fil-ħanut ta' San Ġużepp, kif qal l-Evanġelista San Mattew. Min jidħol jara l-presepju, madankollu, mhux se jara kollox f'daqqa. "Le," spjega Victor. "L-istorja tibda bi blackout u tispiċċa bi blackout ieħor. Eżatt f'nofs l-istorja hemm il-karba tat-tarbija. Kull min iżur il-presepju jinqata' mir-realta' u jkollu opportunita' jimxi ma' l-istorja kollha sa mill-bidu nett tagħha." Materjal u Perspettiva Għal Victor il-perspettiva fi presepju kbir hija ta' importanza kbira. Kemm il-pasturi, is-siġar tal-palm u d-djar jiċkienu aktar ma' l-għajn timrah 'il ġewwa fil-presepju. Pero' fl-istess ħin, il-belt ta' Ġerusalemm tibqa' tiddomina fl-isfond u turi l-kobor tal-belt.
Vizitaturi Victor jikkalkula li fil-ħmistax-il jum li fih il-presepju tiegħu jkun għall-wiri, iżuruh aktar minn sitt elef persuna. "Bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena żgur jiġu ma' l-4,000 persuna. Fil-fatt, ikolli nqabbad ftit ħbieb biex idaħħlu grupp wara l-ieħor sabiex kulħadd jibda l-ġrajja mill-bidu u fl-istess ħin ma jkunx hemm nies jiffullaw għaliex jistgħu jagħmlu ħafna ħsara." Il-presepju ta' Victor qiegħed kull ma jmur jikber fil-popolarita' tant li anke ssemma' b'tifħir fil-Creche Herald, rivista Amerikana dwar il-presepji. Victor iħossu obbligat ħafna lejn il-ġenituri tiegħu Mario u Mary li dejjem ħadu ħafna paċenzja bih. "Id-delizzju tiegħi jfisser ħafna trabijiet żejda fid-dar, storbju u ljieli bid-dawl mixgħul. Obbligat ukoll lejn in-nanna Karmni li kienet hi li xtratli l-ewwel pasturi meta kont għadni tifel u kebbset fija mħabba kbira lejn il-presepju." Għall-futur Victor jixtieq li l-presepju jingħata aktar importanza anke fl-iskejjel. "Dan huwa parti mill-folklor Malti. Barra minn Malta, l-aktar fi Spanja, hemm skejjel li anke jaċċettaw il-bini ta' presepji bħala proġetti ta' l-arti. Fuq kollox, fl-era tal-Christmas Trees u l-kummerċjaliżmu kollu li qed iġib miegħu l-Milied, il-presepju qed iżomm il-ġrajja Bibblika preżenti fid-djar tagħna. Meta kont Bergamo għall-konferenza dwar il-presepji, wieħed mill-kelliema, Kardinal Taljan, qalilna li kull min huwa dilettant tal-presepji huwa ħabbâr modern tan-nattivita' fil-millennju l-ġdid. Il-presepju ta' Victor jinsab miftuħ għall-wiri fil-Ggantija Art Gallery, Triq John Otto Bayer, ix-Xagħra, Ghawdex. Għal aktar tagħrif wieħed jista jċempel 21 552830 jew 7959 4508 jew iżur il-website www.presepju-victor.8m.com. |